Lotta

Matutin
nintona
meta noħroġ fis-sried tal-għodwa.
Ħbub għajnejja jilagħqu
tbexbix is-sebħ …
jinxtegħlu
matutin.
U l-għasfura
mal-friegħ titħarrek
fid-dagħdigħa
tal-aħħar ħolma.
Għax tqil dan id-dmir
ta’ min jisbaħ
jissara mat-tokki
tal-bronż ġol-kampnari.
Għax tqil dan id-dmir
ta’ min,
eżaltat joħroġ
b’dirgħajh miftuħa
biex bihom, miżien,
fil-ponnijiet ta’ jdejh,
bħal patrijarka
iwieżen it-tqandila
tal-lotta eterna
bejn
id-dalma għammieqa tal-lejl
u d-dawl.