Bħaż-żibeg tal-ħġieġ,
bħad-dmugħ tal-granit,
bħall-għaraq taż-żnied
qed iqattar …
qed iqattar
is-skiet.
Fis-swali u l-għerien
fejn jivvibra u jirbombja
t-twerwir
tal-uħux u l-allat
minxurin bħal mummji jixtarru
fl-arazzi mmermrin
tal-palazz
sotterranju …
qed iqattar is-skiet.
U l-orgni tal-ilma
qed jerħi bħal terħa,
tiċpisa tinħall
lewn vjola sommersa.
Sinkopati s-sekondi
jittappnu
rbattuti f’taħbithom …
imsiemer
ġol-ġbejna
ħemdiena tal-moħħ.
U qisu
bħalkieku fl-għadira ta’ ħolma
l-imgħoddi,
il-preżent
u l-ġejjien
qed jeżistu flimkien,
simultanji
bħal binarji …
minn imkien
u għal imkien.
Bħall-għaraq taż-żnied
qed iqattar …
qed iqattar is-skiet.