Meta nirkeb għarwien
fuq ġild il-bhejjem tal-ifrat
b’riqi jċarcar ma’ xlieqi
naħlef bl-allat li jdamdmu
is-smewwiet bla tarf tal-isteppa,
insir Slavonik.
Għalija m’hemmx ċineg u ħbula,
la qfieli fi ħżiemi,
la madmad ma’ dahri,
la saram ma’ lsieni,
la qafas ma’ ħsiebi.
U bl-arnes t’amarti
ħamsin bhima nrażżan
b’difirhom mifrud itanbar ġuf l-art
ħames mija u ħamest elef,
maħruba, mitlufa b’għajnejhom imberrħa
jilmaw mitt elf kewkba smewwija.
Jinfaqa’ ġild il-katuba bil-ħoss
bħal xebba żverġnata,
Slavonik insir.
Niċċerċer mal-bnadar imwerwra
li jperpru, standardi fir-riefnu,
li jlissnu n-nirien bl-ilsna mtertqa.
Slavonik insir!
Nerġa’ nidħol f’ġuf ommi
u ninbeżaq imgħattan … Slavonik,
minn ġo sqaq garigor li jqattagħni
bl-imħabba tal-martri
li jmut għall-imħabba ideali.
Dan mhux notturn maħnuq fid-dlam.
Din mhix vuci fjakka ta’ ħrief jitwieldu,
mhix għabra opalexxenti ta’ friefet imxemmxa
bil-merkurju blu.
Din mhix tnehida ta’ ħwat imbaħħra
jirriflettu l-ombra tal-qamar.
Tempesta ta’ passjoni din,
il-ħarta tal-frostin li jċaqċaq fuq id-dahar
biex jaħtaf jeddu.
Din hi l-ħanqa ta’ nies
li minn allat jaqgħu bhejjem
u minn bhejjem f’dagħdigħa
jitilgħu allat fl-istess waqt.
Ir-regħba tad-driegħ għarqan din
li jċewlaħ gieħ in-nisa virtużi.
Din hi l-pesta selvaġġa
li tofroq triqitha bla boxxla
mill-għatx tad-deżerti tas-silġ u tan-nar.
Xi darba taħt it-tinda ta’ ġild l-ors
qtajt is-sawma bl-għeruq
u lsieni laħlaħt fl-għadajjar tal-blat
meta sirt Slavonik … Slavonik.
Ma nafx kinitx lupa li reddgħetni ħalibha
riħa ta’ vodka u ta’ dmugħ.
Din hi l-ħafna tal-id
li taħfen it-torċi li jħeġġu
u rmied jagħmlu l-imsaġar, l-irziezet
u l-uċuħ bil-qmuħ.
Dan hu fomm il-kanun idaħħan
id-daħqa sarkastika
li warajha bħal-lpup ilebbtu t-truppi.
Din hi l-ġerħa skorċa mqarqċa
li tnixxi demm innoċenti
ta’ meta kont Slavonik
u stirawli n-nervituri bħall-kordi
tal-balalajki
imbagħad sallbuni rasi ’l isfel
u demmi ċarċar xmajjar ta’ lava tħeġġeġ.
Xmajjar Russi,
Ukranji.
Xmajjar Pollakki,
Sloveni u Slovakki.
Xmajjar Ċeki u Serbjani,
Kożakki.
Xmajjar Bulgari, Rumeni u Kroati.
Ma nafx kinitx lupa li reddgħetni ħalibha
riħa ta’ vodka u ta’ dmugħ
meta kont Slavonik,
Slavonik.