Ulisse

Marbut ħalluni
mal-arblu majjistru …
ħalluni marbut b’dawn il-ħbula.
Ninħaqar bil-ħrara,
nissara
mal-għanja li ddewweb.
La għajn qatt ma tara,
la widna ma tisma’.
Ninħaqar ħalluni
bil-ġerħa li tgħaxxaq,
bil-hena li juġa’,
bil-għanja li ddewweb
sal-isfaq granit.
Ninħaqar ħalluni
bix-xarba li ġġennen …
bis-seħer
tal-mit.