Trasfigurazzjoni

Meta fil-bronja ta’ widinti
irqiqa tirkibni l-memorja
bħal tifkira ta’ baħar
iħaxwex fuq xtajta fil-bogħod
f’dik l-għodwa primordjali
tas-sensi
jirkaċċaw bil-kulur
t’akkwarell …
Meta nisfa’ skaldat
fl-iskorċa
taz-zokk il-maġġur
mnejn iġġelben id-demgħa tar-raża,
li hi l-isfa demgħa
li taf tolfoq ir-ruħ …
Għax minn xuxti taru l-għasafar,
man-nefħa tar-riħ
tassew bla ritorn.
Mal-buffuri tfarfar il-weraq
bħal folji indurati
bid-deheb
tal-qdumija.
Bħal ġamra
fir-riħ nikkonsma.
Mill-ġerħa ta’ ruħi
tisfija
nerħi.
Bħal għadma tas-siċċ qisu lsieni
niexef qoxqox
fuq xtajta minsija
liturġija jlissen
minn fommi ingranat
fit-titwiba midgħajja
għajjien jirreplika
it-tennija paċenzjuża
t’universi jfaqqsu bl-eluf
ġol-uviera
ta’ moħħ
il-Mulej.