Karovana

F’karovana suqni
mgħobbija rikkezzi.
f’karovana sserrep serbut
taħt il-kwiekeb koħol,
antaċċoli jixegħlu.
karovana sserrep serbut.
Minn Nineve, minn Ofir, minn Golkonda,
mill-barrieri tas-salnitru,
mill-minjieri manjetiċi tal-qamar,
mill-kaverni mgħaddbin tal-vulkani.
Trieħi ta’ ħarir il-qawsalla …
tagħbija ta’ lavanda, żafran, kamomilla,
topazji u żmeraldi eżotici,
rix tal-pagun,
gamfra u żejt tal-ġunġlien,
dlik u bħur, ikel u xorb.
Ħada l-ħerża ħallihom
in-nisa xaħxieħa
b’ħuġbejhom koħol u dlielhom mitluq.
L-atleti lesti għal-lotta
mħażżmin ħallihom,
il-ġlieda mal-gniedes, il-mira tal-qaws.
Ikkmanda, argużin
bil-frostin!
Is-sinsla aħrat ta’ min jitlajja
min jitlajjem,
mill-għomma u mill-għeja mikdud.
Gerbibhom il-pezez damaskati
taħt riġel il-ġmula gerbibhom
jinħattu tapit.
Ħollilhom ir-rombli tal-porpra
bħal mogħdija
li tagħti lejn ix-xefaq tax-xenqat,
lejn nofs qamar jixref bl-inkejja tal-fidda,
ġugarell li għalih toħla r-ruħ
f’thewdin bla twettiq,
u f’ħolm impossibbli.