Immortalita

Ġol-prim infilsaha t-tilqima
Mulej,
mnejn jixirfu l-friegħi,
fix-xewka tas-sinsla
fejn jindammu l-kustilji,
fil-pjaga tal-kustat
ingastah il-feles.
Bħalissa meħdiela s-siġra tal-frott.
Sfarġel u tronġ biss
qed trodd.
Ifqagħli s-siġilli ta’ għeruqi
ħa nistagħder bit-tira
u l-weraq jinsaqa’ bis-sried.
Għudiet mgħakksa feragħti
jistennew l-imqass
taż-żabbari.
Imma jaħju jdejk, mhux iweġġgħu,
bħal żegħil ta’ korda,
arpeġġ fuq kitarra.
Ġol-intimu idrobni, Mulej,
ġol-prim xoqqni
biex tinfilsaha t-tilqima
mis-siġra tal-Għeden
li min lilha jduq
ma jmut qatt.