Lil Alla Falz

Ja Anubis
alla falz
bid-daħqa ta’ xakall,
la tħarisx lejja
mill-ixkaffa tal-mużew
b’dawk għajnejk żmeraldi
intuskati bl-arseniku tal-odju.
Alla tiegħi mhux int!
Alla tiegħi alla tal-imħabba.
Alla tiegħi moħmi f’ruħi
f’ombra msaħħna
bħal ħamiema fuq il-bajd
li tfaqqas id-dija ġewwiena.
Alla tiegħi leħnu tremolo
moħfi f’obwe jirbombja
f’qasbet għadmi.
U meta
fl-inkubatur ta’ ħdanu
ma jsaħħannix
Hu jitbissimli
Spirtu s-Santu
fil-koppletti u l-alkovi kaħlana
tat-turretti fejn in-nifs jinqata’
u l-moħħ jistordi
bl-għarfien etern.

Alla tiegħi jistira mad-dwieli
tal-filugranu
fil-messal illuminat
bil-misteru tal-għeneb tad-demm.
Ja Anubis
alla falz
bid-daħqa ta’ xakall,
la tħarisx lejja
mill-ixkaffa tal-mużew
b’dawk għajnejk żmeraldi
intuskati bl-arseniku tal-odju.
Alla tiegħi mhux int!
Alla tiegħi alla tal-imħabba.