Vespri

Biż-żejt il-lewż
ta’ bewsti nidilkek
u nbaħbħek
bi dmugħ l-għasir tal-ġunġlien.
Inti l-bhima tad-debħa:
ġismi l-altar.
U l-qassis il-kbir
idellel persuntek
bix-xafra ttemprata
fil-forġa tad-demm.
Madwarna
foresti ta’ inċens
telgħin.
U ħmura, ħmura … ħmura
bejn il-kwinti tal-oċċident
fejn tnin ix-xemx
sfinita
bix-xaba’.