Daqs ir-riq fin bejn is-swaba’
raqqaqtha
l-għaġna tat-tafal,
daqs ir-riq
ħdimtha ħalib
fuq id-diska planetari
tagħqad,
bil-qawwa ċentrifuga dawwartha
fuq ġniebha,
tintrefa’ …
tielgħa tixxammar
tulipan …
tinbena.
Fis-swaba’ virtużi l-maġija
li biż-żegħil tinnamra
mal-materja densa
u minnha
tipproduċi l-ixkuma
li tiftaħ
bħal warda
bis-setgħa tar-ruħ.
Imbagħad fran jaħarqu nkebbes
biex naħmi bwieqi u buqari.
Xaqquf nikwi fil-maġmar,
fil-maqbar nittempra
tlett ijiem u tliet iljieli
biex meta jirxoxta mbagħad
samrani daqs żbiba ta’ Kreta
imbaskta
fi xmux dejjiema
kristalli jdoqq ix-xaqquf
bħall-kina ta’ Keops
fil-piramida
li tisfida l-etern.