Mejlaqni ħa ninsinn
fuq il-ħaġra lixxa granit.
Illimali dil-lama,
irfinali dix-xafra
li tinfed
li taqta’ u li xxoqq.
B’xifri bħad-dawl
ħarira noftoqha minn tulha.
Nopra kirurġija
ta’ tisfija.
Imma bla ma nweġġa’
nidrob jien
bħal tmellisa ta’ pjuma,
ġol-bejta ssibni u tilqagħni
kważi …
għax aħwa tewmija l-uġigħ u l-pjaċir.
Mejlaqni ħa ninsinn
fuq il-ħaġra lixxa granit.
Illimali dil-lama,
irfinali dix-xafra
li tinfed
li taqta’ u li xxoqq.