Statwa f’Katidral

Fuq katafalk
tal-alabastru vvinat
stenduta rajtek
bil-pjiegi tad-drappeġġ illamtati
bir-raża tal-inċens
stirata rajtek
prinċipessa
tal-ħolma ta’ ħolmti.
Mill-vetrati milwiena
fjoritura troxx
ta’ dwal vestali
fuq ħaddejk jitliegħbu.
Riġlejk mittiekla bil-bewsa
ta’ xufftejn
li taru mmermrin mal-weraq tas-sekli.
Li kieku dan it-trab ħarqien
li nkines ma’ subgħajja
radioattiv kien.
Li kieku dell u dija kelli bħall-qamar
li jġiegħel l-ilma tal-oċean
jofrogħ u jimla.
Li kieku kelli s-setgħa
li nġiegħel il-granit jolfoq demgħa,
imma mqar demgħa waħda,
divina.
Immissek kont b’riqi
u jaqgħu l-faxex verġinali
u ngħidlek:
talitha qumi
u sidrek tal-irħam jonfoħ il-milja
bil-qajla
narah.
Forsi illużjoni.
Imma ebda lifgħa ma tkun tista’ għalih
dak sidrek mieles
bħal tuffieħa tal-ġenna.