Fidda qadima rajt
tikbes
fid-dawl tal-lampieri,
la naf mill-ħarsa t’għajnejk
demgħa kienet imtarrfa
tixref …
la naf kienet it-tuffieħa mielsa
ta’ ħaddejk
kif ħolmok Leonardo
tħammar …
la naf kienet it-tbissima
tinħaleġ bħal misteru
mill-ħolma tas-sekli.
Naf biss – li inti s-seħer,
inti l-ħolma
inti l-ħdan … int l-ilqugħ tal-iltiema
imdiehsa boton jistkennu
min-nejba faħxija
ta’ rjieħ,
mid-dalma waħxija
tal-lejl.