Fil-Mewt ta’ Hijja Cali

Nixpakka bl-uġigħ
biex ħaj inreġġgħek
mill-ġdid quddiemi
ja ħija!
Bħal min imut fgat fl-għerien
jilgħaq in-nida mill-blat
daqshekk bil-għatx
jitgħaxxex għalik l-ispirtu tiegħi
jixtieqek mill-gdid.
X’kienet it-tifqigħa akbar minnek
li splodiet ġo qalbek
u ma stajt tesagħha b’xejn?
Għax int għommtok
dejjem ġo fik sarrejtha.
U kont kwiet
daqs ħaruf.
U għax jien kont iljun
u inti ħaruf
dejjem ħannintek u għożżejtek
bħala ibni, mhux ħija.
Imma issa ħallejtni waħdi
mat-tifkiriet
li jien u int biss nifhmu u niftakru.
Issa iżjed ma niftakrux
lil missierna ħamrani
ġej mill-passa t’April
riħa ta’ porvli u gamiem.
U anqas aktar ma niftakru fuq il-mejda
f’nofsinharijiet għaxja
bil-fwieħa tar-rizzi …
ma niftakru
id-dolliegħa tliegħeb id-demm
li dwarha int u jien tlewwimna
għal nofs felli.

Mhux il-lożor tal-imħabba tgħarrast,
ja ġuvni …
imma l-kefen għarqan
li ħaddnek u sarmek
fil-ħafna tiegħu.
X’dulur ja ommi
li lili bellahni fi rġuliti,
u lilek issokta jħaffiflek
il-menti
fil-milja ta’ xjuħitek!
Għaliex il-mewt bikrija?
Għaliex il-mewt
li żżarrat u tħott
qabel żmienha?
Mal-flawtati tal-bliebel
li tant ħabbejt …
wassalli leħnek,
Ċali.
Meta n-nida
tistrieħ fuq il-ħdura
tal-mansab fi sbiħ l-għodwa
kellimni Ċali!
Kellimni fejn int
bilqiegħda fuq il-ġebla
bil-kalamenti
tiġbed għal sidrek
ix-xbiek
biex fihom taqbad
ħodon kwiekeb mis-sema.
Kultant għadni nismagħha
l-għajta mitfija,
imma eċċitata,
“ġojjini … ġojjini.”