Int li tissogra
b’għajnejk fissi tħares imżarġna
f’għajnejn ix-xemx
u bil-granfi tad-dwiefer taħfen
il-qżież imnawwar
ta’ katavru
biex minnu ġġewweż il-matmura
u f’laħmek tibdlu …
għidli
kif mill-mintna
ġismek jissaffa
u t-tinġis tibdel f’setgħa
li tisseqqer b’titjir fuqani,
bil-pjum mixgħul
fejn ebda bilbla ma timraħ
b’għanjietha.
Bħal saċerdot
l-iġbla nitla’,
nintrabat
bil-ktajjen tal-azzar
u msarni midinba
nagħlifhom ġwież lil munqarek,
ħa nitlaħħam fik
ninbidel,
nissaffa fil-ħalba bla nikta
fejn jisreġ id-dawl.