Kalci

Taħt il-kannizzati tiegħek
li jqattru eliżir
bl-inbejjed ta’ mħabbtek
nixxaħxaħ Mulej …
taħt il-kannizzati
fejn tissaffa d-dalma
fil-ħdura tal-abbissi
interni
tal-misteru.
Minn ġol-pizzi mqasqsa
ta’ weraq id-dielja
tittertaq ix-xemx,
ballun tan-nar,
tittertaq f’funtana ta’ ġawhar
bla xaba’ …
jingħasar id-dawl
ġol-għanqud
jiddistilla
d-demgħa
fil-lakrimarju
divin.