Mdina

Il-ħbabat barokki tal-bronż
jaħbtu mal-bieb
u jwerwru l-uħux.
L-araldika tan-nobbli
mitnija fil-parċmina
biċ-ċfuf tas-satin.
Il-persjana titbexxaq
u warajha jiddu
għajnejn Spanjoli
vojti bħall-oqbra.
Mill-kjostru tal-monasteru
riħa ta’ kafe iswed
ħiereġ il-matutin.
Iz-zakak jiżfen
b’saqajh tal-fildiferru
fuq fomm il-kanun idaħħan
żdrajjat kokka
bil-qilla mburġat.
Mill-ġonna sigrieti
iż-żahar tal-larinġ
fih fwieħa t’għarajjes
li ma temmux il-wegħda.
Il-monsinjuri
ħalqhom riħa ta’ tubru
bil-mitra mxaqilba
jonogħsu
fis-sedja tal-kor.
Ir-raħħala bil-bagħal u l-bejgħa
wara bieb il-belt.
Għax kbira l-istennija.

Il-ħobż u l-inbid fuq l-artal.
Ġejjin il-furbani karnivori
jiddivoraw
ix-xbejbiet għall-Barbarija.
Iż-żiemel maħrub
jiżher l-għaraq tar-ragħwa
u jtajjar ix-xrar
taż-żnied mill-qawwi.
Min hu dar-rikkieb ħarban
fil-mantell imleffef ?
Miż-żmien imbiegħed
waslilna r-rikkieb,
koxxtejh maħruqa bil-galopp …
wasslilna messaġġ
li fih verità
daqs ix-xabla tiddi
miżgħuda djamanti.