Warda

Mulej tkattarlix dawl għajnejja.
La ddommlix ġismi kollu
għajnejn bħal fosos qarnita,
għajnejn omnipotenti jżebbġu
lejn warda ta’ ħmura.
Nitwerwer Mulej
nitwerwer nara warda ġo warda ġo warda.
Nitwerwer innażża’
lil warda mill-qxura
mill-ħmura
tal-ħmura
tal-ħmura.
Qatt bsart warda
titgħarwen minn seba’ veli
minn seba’ veli għal seba’ darbiet?
U l-ħmura … xi tgħidli għall-ħmura?
Fwar jirgħi,
jinbaram bil-ħmura
jonfor bil-ħmura minfuħa
jitfettaħ ġo daħna biex jimla l-ispazju.
Tinvadik il-ħmura,
taħraqlek imsarnek il-ħmura.
Tidħollok
toftoqlok il-vina bi mqass ivvampjat.

Tofroqlok, tonħorlok, tomxotlok
il-kirxa ta’ moħħok
il-ħmura.
Il-ħmura sadid li jherrik,
Il-ħmura tiċpisa ta’ dmija,
dilluvju ta’ nbejjed ta’ benna
maħżuna fil-btieti tal-arżnu
fl-arkati
mimlija qdumija.
Le, le tkattarlix dawl għajnejja Mulej.
Tgħargħarnix fit-tgħammix ta’ did-dija,
twaddabnix biex nitbaskat
fid-dawl ta’ dil-bjuda.
Tarminix biex nirvilla
fil-qilla lelliexa ta’ dehnek.
Żoqqni biss
qatra dija
msoffija fl-abbissi ta’ mħabbtek
bħal warda tremenda
ta’ ħmura, ta’ ħmura,
ta’ ħmura.