Leitmotif

Għajnejn b’elf faċċata bħan-nemel kelli
meta ħarist lejn il-werqa.
Intaxret quddiem wiċċi bħal arazzi
li fiha jbaqbaq
demm il-ħdura.
Fil-bizzilla tal-vini midmuma
l-arkitettura stajt nara tal-gotiku
elf xewka merfugħa fuq rifda maġġura.
Tertuqa li ssaffi d-dawl aħdar
bħal tieqa tal-ħġieġ f’katidral.
Ġjometrija
li tirfed f’bilanċ
u twieżen it-truf kristallin tad-djamanti.