Chiave di violino
Bżieżaq imlewna tas-sapun il-flawt iżellaq.
Titriegħed il-qasba
u jpespes fix-xmara l-ħasur
bl-ilma ġieri.
Fwieħa ta’ mara tinfed l-imnifsejn bħal stallett.
Ġol-vaska tal-moħħ warda
lewn vjola terħi.
Kullimkien tiċpis ta’ lwien ħamrana
indigo, vjola, roża u lelaċ.
Ġol-filoxx l-għajnejn jaraw
bħal għarusa l-qamar
imgeżwer f’raġġiera ta’ ħarir bajdan.
Chiave di basso
Il-ħondoq jonfor id-diwi taċ-ċarċara
bħal żarżir ta’ kuntrabaxx.
Kallijiet ħorox joborxu l-medda tas-sinsla.
Foresti jaqbdu u dbieb mgħaddbin jaħarbu.
Dik mhix ċirasa
dawk boċċi ħomor tal-velenu.
Twerwir ta’ swar moħfija minn ġewwa
sa jinfaqgħu fix-xejn.
Naħla kbira monotona
iżżanżan nota ta’ trumbun maħnuq.
Imxi u ara taqa’.
Dak dell ta’ zokk mhux sejf wara widintek.