Il-Kantiku tad-Demm

Id-demm
fih intensita`
ta’ xmux tal-kobalt
jinstaħqu ġo mehrież bla qisien.

Id-demm fih globi u qmura
jitgħawmu fil-ħmura ta’ baħar mielaħ,
baħar primordjali.
Id-demm agħma u trux
Iħoss il-waqt tal-verita`
ta’ grillu kkargat.
Id-demm iħoss il-periklu
ta’ qrun barri ttemprat.
L-ilsien ma jfissirx
xi jħossu x-xufftejn jirtogħdu
fuq xagħar il-għajnejn f’bewsa fietla
ta’ bufula titħarrek
imma d-demm iħoss u jaf.
Fid-demm jintirtu ż-żrieragħ tal-bniedem.
Fid-demm in-nida u l-ħalib,
fid-demm in-nar
u n-nar fid-demm.
Fid-demm iċ-ċwievet li jiftħu kull bieb.
Fid-demm il-frak tal-mużajk.
Fid-demm l-uħux u l-allat.
Fid-demm l-imgħoddi u li ġej.
Fid-demm is-sejħa tat-tnabar
mid-diwi ta’ l-ibgħad żminijiet.

Fid-demm immansata
hemm il-berqa għammiexa
ta’ l-għarfien ta’ l-ispirtu mnebbaħ.
Fid-demm hemm it-twaħwiħa mmutata
ta’ sisien l-iġbla jdoqqu daqq elettroniku
ta’ ċimblu l-granit.
Is-silenzju ta’ l-ibħra għammiexa
hemm fid-demm,
il-malizzja ta’ l-ibħra jitnaffru
taħt il-madmad tar-riħ.
Ħelu tamal id-demm merdugħ
mill-fomm mitbuq fil-vendetta.
Id-demm it-trofew
li għalih tinkileb it-tajra tal-priża.
Fid-demm id-dehxa
tal-bewsa tal-Mulej taħt is-siġra tat-toffieħ.
Ma fihx loġika d-demm;
id-demm bħall-kokka
li ssib triqitha fid-dlam.