Kondor

Qalb l-Andes timraħ fejn l-imrieżaq
munqarek ikebbsu bid-dija.
Il-granit sħiħ jirfdek
meta ġwejnħek fuq l-arja ma jperpirx.
Taħtek mudlama l-ħniedaq jittewbu.
Iswed bellusi l-pjum li jlibbsek,
ta’l-irġejjen satin, ta’l-irġejjen li jsaltnu.
Munqarek ħabbar id-dija tal-għodwa,
għajnejk bid-dawl imkebbsa.
Difrejk milwija ttemprati
bil-mola tal-kefrija misnuna.
Tixhed il-ħruxija ħarstek imqita
bla liġi, bla morali, bla ktajjen.
Il-ħelsien ta’l-ajru jbaħbħek fi ħdanu
u l-jasar taċ-ċokon ma jtifsikx.
Id-dlam għalik mhux nassa minsuba
b’elf xedaq imġewwaħ, b’elf xedaq.
Kemm tiswa ta’ moħħok il-ħila,
il-qawwa tas-sinsla,
tad-dgħif,
ħadd ma jistaqsi.
Int alla li ma tridx minn allat oħra.