Fuq Patmos tlajt imnebbaħ
fuq il-qċaċet ta’l-għana fejn l-iriwefen
bħal weraq tal-ħarifa bid-dawran ħafnuni.
U leħen jirbombja biex nikteb amarli,
biex ngħanni l-weġgħa ta’l-għaxwa tal-ħajja
li tibki bil-ferħ tal-għajxien.
Għax qawwa moħbija ħemm f’kollox.
Vina midmuma bħal ħajta miż-żibeġ
il-ħolqien b’demm wieħed issensel.
Geġwiġija l-għagħa jinstama’ tal-ħajja mqarba.
Bħal twerdin ta’ tnabar imbiegħda
l-ilħna tal-vulkani li jolfqu
mat-tqaħqiħa tajn jaqbad.
Ġol-widien jokorbu ċ-ċarċari mitlufa bħal ninfi
ġod-daħna tar-raxx.
Fuq niggieża tal-blat il-baħar jintilef
f’għaxwa ta’sadiżmu jfexfex.
Hemm qilla moħbija bħal xprun li żżattat il-ħlejjaq.
L-imħawwel bħal ħolma mit-tira jittawwwal
u jogħla ’l fuq ’il fuq.
Is-swaba’ sewdiena taz-zkuk jagħrxu l-arja
għall-fosfru tas-sejjetti mikluba.
Il-ħaxix żieni jgħatti kullimkien
sal-ibgħad nitfiet.
Kemm jitgħaqqdu l-għeruq imbaċċna taż-żebbuġ
bħal kobri tal-qilla bla serħan.
X’inhuma jfittxu bla waqfien jitqallbu go ngħashom
u mal-ħaġar niedi jingħorku ?
Bħal sfafar t’orgni lkoll man-nifs jitriegħdu
b’għafsa minn polz ta’ ġgant il-ħlejjaq
jgħannu għanja waħda.
Qawwa xħiħa hemm f’ġuf l-art li tħaddan kollox magħha.
Wiċċ il-baħar ’l isfel tross
u l-ħawħa li taqa’ misjura.
Imma l-ħajja tisfida.
Minn ġol-mewt ta’l-art, minn ġol-ħama,
mill-intiena tal-weraq imqadded
zokk dritt jitla’.
Bħal noti t’obwe ċar fis-skiet jitla ċ-ċipress
bil-wieqfa fuq ix-xefaq.
X’qilla bla rażan fin-natura,
fil-liedna li tixxeblek u l-ħitan tiksi bit-twapet,
fil-balluta mastizz, fl-awrikarja,
fis-swaba’ bħal labar li jagħrxu l-fewġiet,
fil-kaktus bir-raġġi tax-xewk,
fil-ġiżimina bħal mara b’xuxitha maħlul
li tlissen ħolma ta’ bjuda.
X’qawwa fil-qarn ta’ gendus moħbi, fil-fwar
mill-imnifsejn bil-ħolqa ġo fihom,
fil-għoqod tad-dgħif f’dahar iż-żiemel,
fil-forġa qalila ta’ xedaq iljun
fejn l-ilsien bħal fjamma jintlewa.
X’ġenn iħawtel lin-nemel li jgħaġġel
bħal borza lewlu ma’l-art imxerrda,
u fl-irsieset li jsiefru bl-għexieren,
qaddiefa ġol-baħar tas-smewwiet kaħlan,
u fil-kaħli jinbaram bil-mijiet
bħal irbgħajja tal-fidda.
Minn xiex tfittex il-ħelsien il-fula
li mill-ħuxliefa titqaxxar taħt it-trab ?
Minn xiex jaħrab is-serp li qoxortu f’għar iħalli ?
Liema għaġġla d-dudu tal-ħarir iġġennen
biex min-niċċa tal-fosdqa jinħeles ?
Bħal murtal imlewwen li jitla’ b’tifqigħa
kuruna f’kuruna jitwassa’
tiġdid ifittxu l-ħlejjaq, tkabbir fil-medda tal-ħajja
biex fit-tnissil tal-wild jiġġeddu.