Eroica

Ħataf għabra
mill-mimmi t’għajnejn ix-xemx
Beethoven.
Pjaneta ħataf minn univers
jitbaskat
f’xewqat li jinħeles.
Ħataf ġamra tinħema fil-forġa
u sammarha
bl-imrietel tertieqa.
B’leblieba ħalbilha suritha
u nixxifha
ħa terħi l-ġunġliena tal-qalba
mimlija enerġija.
Ħa tfarfar id-doxxa tad-dija
ħa ċċedi mormija
kometi
mix-xejn għal ġox-xejn.