Qatt ma jidher isbaħ Ħaġar Qim
daqs meta tittertaq
qalb il-weraq tal-ħarrub
ix-xemx fi nżulha,
u jwaqqaf widintu
jitniffes qrara l-ħaġar samm
u l-pilastri jerfgħu dirgħajhom
imxennqa għas-smewwiet.
U jroxx id-dlam
u fit-tlellix tal-mewġ
jilmaw il-kwiekeb
u l-ħitan tas-sejjieħ ifuħu bin-nida.
U nitħajjar nitla’ l-altar
biex nidboħ il-bhima
meta xaħmet l-art sakran bin-ngħas
ilsienu mkebbeb spirall
iħoll
biex itiegħem
fid-dlam
it-tifsira tal-etern.