Riħa ta’ mastka mixruba fin-ngħas
fiha l-mewt…
riħa ta’ nokkli sewdiena ta’ żingara …
riħa ta’ xemgħa lewn l-għasel
li tlebleb
f’toqob l-għajnejn mudlama
ta’ ras ta’ mewt leqqija daqs irħama.
Maħżuż ġol-avorju xpakkat
il-minċott tal-qorriegħa li ndamm
f’terremot irid jarġa’ jinħatt.
Riħa ta’ xemgħa lewn l-għasel fiha l-mewt
li tlebleb fit-toqob bil-ġmied.
Ġiet buffura tintlewa b’dawran
u belgħet ġo fiha l-irmied.
Imsadda ddur iċ-ċavetta
fil-bieb tal-etern.
X’ħoss tagħmel il-mewt
fis-saqaf tal-ħalq … f’għerien l-imnifsejn?
Qanpiena mtaffija ċuqlajta
llamtata fil-lożor ta’ kefen l-ilsien:
tkarwit tal-fatati
bħal tiben jinqasam il-qofol tal-moħħ.
Iċ-ċipress dendel nebuli,
fosfru l-kwiekeb li xorob
għajnejn il-mejtin.
Il-weġgħa għaslija ta’ sider omm
minn ħanek tarbija migdum
tixbah il-ħafna tal-mewt qarnita.
Għarwien ħuta l-ġisem jinxteħet
b’żibeġ l-għaraq tas-silġ
bħal għarus bejn il-lożor.
Ġot-tperpira ta’ korda mżaqqgħa
titwieled in-nota,
titwieled il-ħarba miż-żmien.