Eżercizzju dan
li nqandel is-safef
ta’ dak li qabli nħaseb u ntqal,
ta’ dak li qabli nħass
bħal min jitħatteb fl-iljieli,
fil-minjieri
bil-lampara jbaqqan
biex jiskopri l-għoġol tad-deheb.
Waqtiet ħsibijieti ntenni
f’għajdut ġdid
nesplora …
bħal min jiskandalja djamant
fir-raġġi tax-xemx.
Senduq ġojjelli l-kliem għalija.
Fil-monti
nassaġġjah bil-fantasija.
Bil-boll ta’ senegħti nimmarkalu
l-irfinar
tal-karati.
Eżercizzju terribbli dan
bħal logħba li mhix logħba,
bħal ċajta
li ħlieqa mhijiex,
bħal paso doble fil-korrida,
bħal ġlieda mal-barri,
bħal passju tal-ħajja mal-mewt.
Tqala taħraq din
li tfaqqaslek
il-qodos tal-ħajja
f’idejk.