Primordium

Bħal imsaħħar
l-orgni tal-għodwa ssammajt jitliegħeb
wara l-ħġejjeġ tas-sħab ġewwa l-lvant.
Bħal tarbija hienja dħaqt,
idejja faqqajt u għoxejt.
Ħaddejja nefħu l-ħmura
tas-saħna li tiġbor kaktus minn xagħra sajfija.
Daqs sider ommi witieni
ħalib it-tin li fommi sadd bil-ħlewwa.
Bi snieni tal-ħalib mill-ħaxix trejjaqt,
għannew il-vini tiegħi l-għanja tal-ħdura.
Tapit taċ-ċagħak firxitli x-xmara,
mill-intejjen tax-xogħol ħelsitni
mill-għaraq ta’ ħofor abti.
Bil-qtar mixgħul bix-xemx bħal alla żgħir
Adam stħajjiltni
xħin qam minn nagħsa twila
b’xufftejh jaħarqu b’bewset il-Mulej.