Ezorcizmu

(Wied il-Għajn waqt is-sebħ)
L-orjent ġa kebbes il-forġa.
Ruxxana x-xemx tħoll l-ingotti
tad-deheb fl-orizzont.
F’għargħar ta’ dija jinxtegħlu
ġos-smewwiet
sħabiet
bħat-tajjar imxappap fid-demm.
Hemmhekk ġa qiegħda l-wegħda
tas-sħana ġejjiena,
ta’ kiwi, ta’ xiwi.
U hawn isfel!
Irmiedi l-baħar imqanfed
bħal merkurju rieżaħ
iħoss it-toqla dalmija
biċ-ċlampu tan-ngħas,
iross bit-toqla waħxija
tal-ħlas.
Il-ġisem jitmattar żagħżugħ!
Imma l-ispirtu jieqaf jirrifletti
bin-ngħas mibluh
bħal għasfura li tqanfed
ġwenħajha mas-sebħ
u tnaqqi bil-moxt ta’ munqarha
il-misteru okkult
tal-penombra
li titgħażżen fid-demm.