X’inhu jonħor ir-riħ
fil-katusi?
Mal-qattara jissara,
mal-miżieb?
X’inhu jonħor ir-riħ?
Il-mażżra tal-bronż
titqandel
biex taqleb is-siegħa
lejn il-wied
tal-memorji.
L-imħadda xxarrbet
bil-għaraq u l-bżieq.
Il-biża’
bħal friefet tal-fosfru
madwari jħuf.
Mank
miegħi tishar xi siegħa,
maġenbi mimduda,
kif int.
Tistira l-ħarira,
u l-qamar
b’sebgħu jkisser
il-mera fiddiena
tal-għadajjar ta’ ngħasi.
Ħa naqsam ħobż ażżmu
iqattar id-demm
ġo dal-kalċi.
Ħa mmut għaxi bid-dawl
tal-lanzetta
li tiftaħ
il-kustat tal-għarfien.
Ħa mmut trapanat
bl-irquqija ta’ berrina
li tinfed djamant.