Ġifa u bla ħila jien
imma nġiegħel naf lis-susan iwaqqaf
it-trombi ta’ widnietu
jissamma’
passejja delikati.
Imsejken jien
imma naf nirxoxta
mill-urni
in-notturni
tal-irmied doloruż.
Għall-għanja tiegħi
is-sriep u l-ħamiem jinżlu
mill-istess misqja
jitrejqu.
Il-bluha tiegħi
bħall-ġenn tat-tfulija eterna.
Arani biż-żimarra
bil-ħabel dwar qaddi
niżfen ħafi
iż-żifna baħnana
ta’ Franġisku.
Arani bis-sorpriża f’għajnejja:
arlekkin tal-Mulej.