Ilsien Tan-Nar

Ad altare Dei
mal-orgni tal-għodwa.
Bħal pagoda mixgħula
b’dirgħajja ’l fuq
supplikanti
fil-bosk nidħol
riħa ta’ raża u ta’ inċens.
Fuq ġbini
bħaż-żibeġ id-dmugħ tal-granit
li ntlefaq
mat-toqla tat-tqala,
mill-għoqla tat-telqa.
L-iskriepel tal-ġmamar
joforqu quddiemi
daqs miċċa mixgħula,
jonqxuli
bħal triq mill-għolliq
li twassalni
għall-arka ta’ Sijon.
U hemmhekk
jien
dudu tal-art
nitlibbes bil-ġwienaħ tal-fjammi.
Bħal ferħ ta’ feniċju
mitwieled mill-ġdid
minn ġol-bajda,

Introibo
nirdossa
fil-pjuma dawlija
fid-doxxa tad-dija.
Bħal arkanġlu jien
nidħol fid-dejr tad-deheb u l-kristall …
u fuq rasi
lsien tan-nar jikbes
u jħeġġeġ.
U noħroġ nitħaddet
b’ħafna ilsna
mal-agħma,
mal-mutu,
mat-trux.