Poeżija u Informazzjoni - Poetry & Information
RSS icon Home icon
  • Alfred Sant (1999)

    Alfred Sant

    Vetrati Milwiena

    It-Torċa, 4 ta’ April 1999

    …Ili xhur nixtarru bil-mod, attent biex nifhem it-tifsira li tistaħba fit-tberfil ma jaqta’ xejn ta’ xibhat u ta’ kliem impoġġija flimkien b’sens mużikali akut. Akille Mizzi jippossedi kmand tad-deheb fuq l-ilsien Malti u jużah b’maestrija. Dan jagħmlu mhux biss fil-vokabularju ‘milwien’ li jħaddem, imma wkoll fiċ-ċaqliq u r-ritmi tal-kelma.

    …Ix-xbihat li nġarrbu fil-poeżija tiegħu jaslu għandna qabel jgħaddu mill-għarbiel tar-raġuni. Għadhom fil-livell ta’ dak li qed jinħass, meta r-riflessjoni - li minnufih tagħti xhieda psikoloġika ta’ min jirrifletti - tkun għadha ma nibtitx. Mhux ta’ b’xejn li l-effetti fiżiċi ta’ dak li jseħħ madwar il-poeta jiddominaw b’piż konkret ix-xbihat li jurina. Malli tieħu din il-perspettiva dwar ix-xogħol ta’ Mizzi, ma tistenniex aktar mingħandu ġudizzji jew konklużjonijiet. Il-poeżija tiegħu titkellem dwar kif id-dinja ta’ madwarna, bis-sbuħija u l-kruhat tagħha, tolqotna bħala bnedmin li ngħixu għax inħossu.

    F’Vetrati Milwiena Achille Mizzi sawwar damma ta’ poeżiji li sa jibqgħu ħajja minħabba li f’ħafna każi, jirnexxilhom joħolqu b’immedjatezza l-kefrija u l-ħlewwa tal-waqt tal-esperjenza tal-bniedem.