Tango

Il-lejla nheżheż ix-xafra ta’ sikkina
bejn snieni
u noħorġu niżfnu t-tango
taħt il-kordi tal-kwiekeb maqrusa
li jroxxu stalletti ta’ dmugħ.

Fih riħa ta’ dmija vjola
il-ħarir ħamrani daqs in-nar.
Ħalli mxeblek fuq ġbinek
nokklu spanjol milwi ganċ.
L-imrewħa taħbilek il-qaws ta’ ħuġbejk
mimlija malizzja.

Illejla nonfħu spirti tal-peprin
f’ħalq il-mewt.
Daqs il-mewt ikidd il-pjaċir
li jivvampja fil-vini.
Doqquli…mhux għodwiet sofor ċlampu
bid-dija sfumata
imma ħmura ffukata fi ljieli ġamrin.

It-tango fiħ passju tal-ħajja mal-mewt,
azzar ittemprat qed jinħema
jintlewa trabokk.

It-tango fih liwi ta’ fraxxnu jitgħawweġ,
jitbaskat f’nirien mingħajr tmiem.
It-tango fih riħa ta’ nċira tinħaraq,
fih żlieq fuq għadajjar ta’ demm.
Ħruxija fih it-tango daqs ir-rum
u żegħil bħal ta’ kobra.

It-tango korrida mal-barri tas-sess,
bħal ponta li tidħol bil-mod
bla ma toqtol.

It-tango fih skoss xħin ix-xafra
tkun waslet biex tinfed il-qalb.

Fit-tango
hemm żugraga qed tagħqad,
tisfuma fil-bjuda l-pjaċir ta’l-orgażmu
ġol-għaxwa tal-Mewt.