Arizona

Jiena d-deżert għatxan tal-Ariżona.

Bi nhar ħuġġieġa ta’ nirien imdendla.
fuq baħħ etern.
Ramel mikwi jinkalja
igerref u jingiref.
Xtieli muxgħara jriegħxu bit-tixwik,
kaktus iniggeż qalb il-fwar li jitla’
bhal ħolma mriegħda minn ġol-art ħamrana.
Ħolma donnha miraġġ.
Ħolma ta’ għatx.
Treddin id-demm idamdam ġol-qorriegħa,
idamdam biex jinħeles
f’għejun bla xaba’.
Il-bogħod skeletri mtertqa
jitriegħdu z-zkuk imqarqċa.

Jiena d-deżert għatxan ta’l-Ariżona.

Bil-lejl ħolma ta’ serħ u poeżija.
Il-ward tal-kaktus jitla’ f’għaxwa ħamra.
Iz-zkuk bajdana
b’dirgħajhom imberrħin jinbidlu f’arpi
tal-fewga ħelwa.
Bħal karba ta’ kitarra
imkebbsa b’dawl il-qamar
minni
għanja tinsilet.