Spanja

O Spanja, Spanja kemm jinżilli mieles
f’qalbi dak ismek ħlejju.
Navarra, Katalonja u Aragona,
Kastilja, Andalusija.
Il-warda ħamra
li tikbes fuq il-qċaċet tan-Nevada
li tfewwaġ fl-Alkazar u ġol-Alambra
fiha fwiħat id-dmija.
Żonqor is-Sjerra
imnaqqax bil-lelaċ tad-dellijiet
jolfoq mill-pori l-għaraq tat-tbatija
bħal ġgant muġugħ.
Fuq kollox, fuq kulħadd
tidħak ix-xemx bħal wiċċ ta’ ljun ħamrani.
Ja Spanja art tan-nora
fejn l-aħmar jgħajjat fis-satin lelliexi
tal-mant tat-toreador,
fid-dbielet tax-xbejbiet jiżfnu l-fandango,
f’ċapep id-demm magħqud fuq dahar l-istatwi
ta’ Kristu Redentur.

Inħobbok Spanja għax bħali int tħobb il-ħajja,
l-imħabba u l-mibegħda,
l-uġigħ, id-demm u l-għaraq,
ir-ritmu mfisser fit-tektika għaġġiela
tal-kastanjoli.

Għannejthom tul iż-żminijiet
f’dawk l-iġsma roża ta’ Francisco Goya,
fid-daqq tal-Macarena ġewwa l- Plaza,
f’għanjiet Lope de Vega, f’għanjiet Lorca,
fis-seba’ sjuf ġo qalb l-Addolorata,
f’kull qatra demm ħamrani
li ġġelben sħuna fuq ir-ramel jaħraq
fl-arena mriegħda bl-għagħa t’Ole’ Ole’…