Bħal ma tagħmel il-meteorita (shooting star) Achille Mizzi jidher u jistaħba kontinwament fil-qasam tal-kitba bil-Malti. U l-istess bħal fil-każ tal-kewkba mexxejja, għad irrid insib min tabilħaqq jiċħad is-sbuħija, l-oriġinalita’ l-immensitá tal-poeżija ta’ Mizzi.
Achille Mizzi huwa l-leħen li jidwi ma’ kullimkien fil-Lettetratura Maltija. Il-leħen li jidwi ma’ kullimkien iżda li diffiċli tintebaħ minn fejn ġej. U l-ħtija taqa’ biss fuqu u fuq il-kritiċi li ma għarfux jiżnu sewwa l-ammont ta’ pubbliċitá li tassew tixraqlu…Achille Mizzi ta’ L-Għar tal-Enimmi ma jvarjax wisq minn dak f’Mas-Sejħa tat-Tnabar, ħaġa li x’aktarx wieħed ma kienx jistenna. Iżda b’hekk ma rrid bl-ebda mod nitfa’ dell fuq vrusu tal-lum. Mizzi rnexxielu jżomm l-istess triq ta’ versi mimlija bil-feroċitá u l-qilla ta’ kliem imlewwen u imaġerija taħraq.
…Achille Mizzi għal bosta huwa tqil, fatt li jiena ma nistax niċħad, iżda li nikkummenta dwaru. It-toqol ta’ Mizzi m’huwiex ġej mit-tentattiv komuni sabiex jidher dehen l-awtur, ġej mit-tlaqqigħ ferventi tal-versi tiegħu, mill-imaġerija fertili, mill-oriġinalitá , li teħtieġ aktar mid-”daqqa waħda tal-arloġġ”.