Bħal naħla
li l-ħorġa timborġa
bil-ħolma tal-ward u taż-żahar …
ta’ għasel u xama’ …
namur ta’ bla hedu,
hekk aħna tul il-medda ta’ ħajjitna
fis-senduq maqful ta’ ġo fina
tifkiriet insorru
ibbalzmati.
U minn dan l-arkivju waqtiet nirxuxtaw
id-dell tal-imgħoddi
jitriegħed
inċert bħal xbieha fuq l-ilma.
Tfuħ l-alka
bit-tifkira ta’ xmux u ibħra
trapassati.
Bħal xeħta żibeġ
ġo vażett tal-ħġieġ
jitriegħdu t-trilli t’apparell,
u jien tfajjel imsaħħar
ħafi nħuf fix-xagħri
fejn ifarfar fwieħtu r-ranċis.
Jiffollaw ġo ħsiebi l-memorji
li jien biss nifhem
u naf indomm
fi stampa ta’ ħġieġ możajkat.
Ir-rizzi jliegħeb …
ix-xama’ samra tal-Kandlora …
ir-riħa ta’ ġlud
u ta’ porvli tal-kaċċa …
il-majjistral ifellilli l-ġilda ta’ xuftejja
bl-iħtrieq …
u r-requiem eterni u r-riħa ta dettol
u jien abbati f’ras it-tebut …
u l-bews sħun ta’ ommi
u t-tfulija ta’ wliedi tarija …
Bħaċ-ċomb maħlul
għażżien jinżel id-demm
minn ġol-pjagi
midruba bix-xewk
tal-memorji.
Kemm taħraq l-għeruq tal-palat
it-togħma ta’ maskta u ta’ żambur …
ir-riħa tal-bużbież
u t-tqaħqiħa tal-patri konfessur
riħa ta’ kafè …
u l-iskruplu ta’ li kien u li seta’ kien …
u d-dnub venjal
u s-sagrileġġ b’seba’ rjus
li għalih jeħduk ix-xjaten
ġol-liżar fil-kwadru tal-mużew …
u l-liżar verġinali jittabba’ stuprat
bl-għargħar tad-demm ifur
bħall-miraklu ta’ Bolsena.
“Ommi ma,
kemm ftamtni kmieni mill-fitla ta’ sidrek!
Kemm twennisni l-ombra sħuna ta’ mħabbtek
tfuħ bl-għaraq ta’ taħt abtek!”
“Tħarisx lura, ibni!
Ħallihom l-ilpup tal-memorji
jinbħu għommithom.
Tħarisx lura, ibni
għax bħall-mara ta’ Lot
plier tal-melħ issir.
Tħarisx lura!”