Foetus

Kif boxxla bejn żewġ djamanti mwieżna
fl-arja titgħawwem,
iżomm fid-dlam tal-ġuf fosforexxenti
il-bniedem ħuta.
Ħabel iż-żokra jwieżnu
l-astronawta tad-dlam mutu.
Ħabel iż-żokra jwitieh fit-titwiba mudlama
tal-ilmijiet, saqqu jimmolla.
Ir-realtà t’ibħra benniena tnemnem
bħal musbieħ il-lejl fil-moħħ ġganti
ħdejn il-ġisem mixrub bħal miżwed niexef.
Għax il-moħħ il-fanal
u madwaru l-ġisem fisqija
u barra l-ilmijiet li jmewtu t-terremoti.
U mill-kapsula
f’univers wiesa’ jitwieled il-moħħ,
minn qoxra tal-bajda għal ġo qoxra,
minn qoxra għal ġo qoxra f’sensiela bla tmiem
fuq taraġ t’għarfien.