Dawl

Bħal qawwa
fgata f’ċilindru dejjaq
marsus kien l-univers fi traba ċkejkna.
Inferaq is-smewwiet. Mill-berqa għammiexa
elf xemx ittajret għal ġol-baħħ,
elf dinja.

X’imkien fil-beraħ wiesa’
fiż-żmien imdendel li ma fihx qisien
tgedwed il-ħamba ta’ ponn trab imsejken,
il-ħsejjes imbegħdin t’elf saltna kbira
mirduma taħt ir-ramel,
il-bikja mdemma ta’l-imjassar sieket,
il-weġgħa tat-twellid,
il-karba ta’ min jagħnet u min jishar,
l-għajta tal-mewt li jislet
il-fomm imberraħ fl-aħħar nifs tal-ħajja.

Mill-għoli wasal issa
id-dawl ta’ kewkba ġdida
li nżergħet fis-smewwiet miljun sena ilu.