Granc

Kemm togħġobni surtek ġeoloġika
bħal tank tal-gwerra
bil-qoxra impenetrabbli
mil-lewn id-deffun,
fuq iż-żonqor niggieżi
tiżgiċċa
lura, ’l quddiem u la ġenba
skont il-bżonn tal-mument.
Bħal min jimxi fuq il-lasti
fuq saqajk tolza
imqar rasek ’l isfel.
Kemm hu samm is-sigriet
ta’ moħħok tmunier
u għajnejk żebbieġa!
Kemm hu faċli għalik
li talterna mix-xott għal ġol-ilma
bla ma tirżaħ
jew tindehex
meta l-mewġ iħarbat l-imriekeb
u jittertaq fuq il-blat
biex il-ħalla tirtira.
Iżda wara l-ħalla
int hemm tibqa’ tenaċi
imqabbad
żonqor ma’ żonqor.