Twieled Ħaż-Żabbar fid-19 ta’ Frar 1939 minn Emanuel u Natalina mwielda Lia. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ De La Salle, fis-Seminarju Arċiveskovili u fl-Universitá ta’ Malta (1958).
Beda l-karriera tiegħu bħala għalliem fl-iskejjel elementari tal-gvern (1958 - 1962). Fl-1963 rebaħ il-premju tal-Ingliż li kien jingħata mill-British Council. Daħal uffiċjal tad-Dwana fl-1963 fejn dam sal-1988 meta mar jaħdem fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kultura. Hemmhekk kien involut fl-organizzazzjoni ta’ bosta attivitajiet kulturali, speċjalment dawk taċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 Anniversarju tal-Indipendenza fl-1989. Ifforma parti minn għadd ta’ delegazzjonijiet governattivi fl-ILO (Ġinevra), Unesco (Pariġi) u l-Kunsill tal-Ewropa (Strasburgu). Fl-1992 inħatar Assistant Kap fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u Riżorsi Umani.
Inħatar Segretarju tal-Presidenza ta’ Malta u f’din il-kariga serva taħt l-E.T. Ugo Mifsud Bonnici (1994 - 1999) kif ukoll taħt l-E.T. Prof. Guido de Marco (1999 - 2004) sakemm irtira mis-servizz ċivili fi Frar tas-sena 2000. Fl-1995 ġie onorat bħala Commendatore fl-Ordine al Merito della Repubblica Italiana u ngħata lilu l-Croce dell’ Ordine al Merito Melitense tal-Ordni Militari Sovran ta’ Malta.
Beda jikteb il-poeżija meta kellu tmintax-il sena. Il-ħila tiegħu ġiet mill-ewwel magħrufa mill-Prof. J. Aquilina, li kien inkludieh f’Il-Muża Maltija fl-1964. Minn dak iż-żmien ’l hawn ġie rrappreżentat f’kull antoloġija ta’ poeti Maltin li nħarġet.
Fl-istampa ta’ taħt naraw l-awtur Bernard Micallef jippreżenta kopja tal-ktieb “Achille Mizzi – Studji Kritiċi” lill-President, Dr Ugo Mifsud Bonnici. 1996.
Barra mil-letteratura, huwa interessat ukoll fl-arti, fil-filosofija, fil-mużika, fl-istorja u fis-safar. Achille Mizzi huwa miżżewweġ ma’ Yolanda Mifsud (1964) u għandhom erba’ wlied u tmien neputijiet.
Fuq medda ta’ madwar hamsin sena Mizzi ppubblika dawn il-ġabriet ta’ poeżija: L-Għar tal-Enimmi (1967) Publikat mill-Awtur. Mas-Sejħa tat-Tnabar (1971) Klabb, Kotba Maltin, Il-Kantiku tad-Demm (1980) A. C. Aquilina & Co, Taqtir is-Skiet (1987) Pubblikazzjoni Bugelli, Poeżiji Migbura; Achille Mizzi (1993) ISBN 1870579208, Mireva Publications; Vetrati Milwiena (1998) PEG Publications - ISBN 9990901015; Eklissi Perpetwi (2007) Midsea Publications - ISBN 993271505; The Essential Achille Mizzi (2009) Grafikalogika - ISBN 9789993207337. Achille Mizzi, il-Werriet u s-Suċċessur Den ta' Dun Karm (2017) Horizons - ISBN 9789995763480; Genesi (2017) Horizons - ISBN 9789995763985.