X’inhi l-poeżija għal Achille Mizzi?
Il-poeżija bħal flus: tista’ tkun ġenwina jew falza. Jien inħoss li l-ispirazzjoni ta’ Achille Mizzi hi ġenwina; il-muża tiegħu twieġeb għal tqanqil il-qalb u l-moħħ. Dan it-tqanqil jitlaħħam u jieħu r-ruħ u l-ġisem fit-teknika tal-poeżija moderna. Il-motivi tal-poeżija tiegħu huma maħruġa mis-safef ta’ taħt ir-ruħ koxjenti, minn dak li, b’kelma teknika, jissejjaħ is-subkoxjent tal-bniedem…
…il-poeta tas-subkoxjent jgħum u jogħdos f’ibħra li l-qiegħ tagħhom huwa aktar fil-fond, fejn qajla jinfdu r-raġġi tax-xemx imma fejn tinsab kotra ta’ qroll u ħaġar rari li ma ssibux fil-qiegħ tar-ruħ poetika koxjenti. Minn dan il-qiegħ il-poeta tas-subkoxjent itella’ b’idejh it-tnejn impressjonijiet u esperjenzi straordinarji li biex jikkomunikahom lill-qarrejja jinqeda b’vokabularju daqshekk ieħor straordinarju…
…Fil-ġabra ta’ Achille Mizzi nsibu poeżija ġenwina, baħar ta’ tixbih oriġinali u ritmi qawwija li jagħtu lill-poeta post sabiħ fl-Antoloġija tal-poeti tal-lum.