Bernard Micallef – Ir-Ritmu tal-Ħolqien fl-Imħabba

Mizzi ma għandux dinja tas-sensi u oħra spiritwali. Il-qagħda tal-bniedem f’dinja konkreta, fost oġġetti li jintmessu ssir rabta mal-universali u ma’ Alla. L-imħabba ma tibqax tiġrib fiżiku bejn tnejn min-nies u tisfa’ f’esperjenza ta’ ħwejjeġ li huma ‘l hinn mill-fehma umana. Issir id-dħul tal-finit f’dimensjoni infinita għax il-bniedem iħobb jipparteċipa fi pjan divin. Fil-poeżija ta’ Mizzi l-imħabba tgħaqqad lill-bniedem mal-ħolqien għax hi att essenzjali li bih il-bniedem jingħaqad man-nisġa tan-natura. Is-sens ġenerali ta’ mħabba li tressaqna eqreb lejn l-oriġni tagħna jwassal għal suġġeriment rikorrenti: l-intimitá fiżika tqawwi s-sensittivitá umana sal-punt fejn il-bniedem jifhem id-dinja fi pjan ieħor u bla wisq kliem. L-attitudni f’dawn il-mumenti hi aktar reliġjuża milli materjalista.

Dawn il-kwalitajiet kollha jixhdu li għall-poeta l-att sesswali ma jissarrafx f’tiġrib ta’ gost immedjat iżda f’għaqda bejn il-partikolari (l-individwu) u l-universali (dak li jseħħ dejjem u kullimkien). Is-sens hu li l-bniedem ma jirrikjedix kliem biex jifhem l-essenzjali ladarba fih hemm lingwaġġ primittiv li hu tiegħu u tal-ħolqien. Waqt li l-kliem jifred f‘kunċetti, il-lingwaġġ primittiv hu fil-forma ta’ mġiba sesswali li tagħmilna fiżikament u spiritwalment sħaħ. L-imħabba ssir ritwal tal-ħolqien sħiħ li l-bniedem jipparteċipa fih b’mod naturali. Id-dinja nnifisha tieħu sura ta’ ġabra ta’ elementi ħajjin li jridu jsegwu r-ritwal biex jiġġeddu…

Alla
Id-dlam u d-dawl f’Mizzi huma aspetti ambjentali li jindikaw stati ta’ ruħ u joħolqu djalettika li tista’ tidher b’mod fiżiku anke waqt li hi ġewwiena u spiritwali. Id-djalettika qatt ma tintemm għal ħlejqa li l-qagħda tagħha hi essenzjalment f’dalma u li tiskopri d-dawl f’mumenti ta’ tama… Il-firxa simbolika tar-relazzjoni bejn id-dlam u d-dawl hi wiesgħa u tinkludi diversi aspetti: il-mewt u l-ħajja: il-limitu tat-traxxendenza; il-ħażin u t-tajjeb; in-nuqqas ta’ tama u l-isperanza; u l-fiżiku u l-ispiritwali fost oħrajn. Iżda b’mod ġenerali r-relazzjoni hi bejn bniedem u Alla. Mizzi ma jħallix din ir-relazzjoni tiftiehem bħala waħda ta’ oppożizzjoni… Il-poeta jinqeda bid-dlam u d-dawl biex jindika li r-relazzjoni hi aktar profonda minn oppożizzjoni sempliċi. Hekk bħalma ma jistax ikun dawl mingħajr dlam, Alla jew it-traxxendentali ma jiġġarrabx jekk ma hemmx bniedem u limitu. Id-dawl divin, f’linja mal-ħsieb ta’ Santu Wistin, jilluminana biex moħħna jara l-etern fit-temporali, l-istabbli fil-bidla u n-neċessarju fil-kontinġenti. U l-varjetajiet eterni, jgħid Santu Wistin, jidhru meta moħħna jipparteċipa f’illuminazzjoni divina u dan id-dawl jurina ħwejjeġ bla intervent tas-sensi bħalma d-dawl tax-xemx jikxef il-ħwejjeġ materjali għal għajnejna.

Alla hu l’hinn mill-ħsieb tal-bniedem u dan ifisser li kull tiftixa għalih tisfa’ konklużjonijiet interessanti dwar il-limitu uman. Ir-referenzi li l-bniedem jagħmel għal essri traxxendentali bilfors ikunu kummenti dwaru nnifsu għax il-bniedem irid juża lilu nnifsu sal-limitu biex jipponta lejn l-assolut, u fil-proċess jitkellem dwar dal-limitu u l-effetti fih aktar milli jiddefinixxi l-indefinibbli. It-tema tal-imħabba turi kif l-assolut hu ppreżentat qrib ritmu sesswali li hu fil-ħolqien u fl-uman; u li hu espressjoni dejjiema ta’ natura universali. Id-divin jintlaħaq bit-tiġrib tal-imħabba għax l-imħabba ddaħħal lill-bniedem f’ritmu kosmiku li fih jinkorpora l-firxa tal-ħajja. F’dan is-sens l-imħabba limitata, materjali u individwalista sservi ta’ għaqda bejn il-partikolari u l-universali anke bla ma jiftiehem l-universali. Poeżiji li jittrattaw dwar Alla aktar milli dwar l-imħabba xorta jirrappreżentawh f’natura umana li, fil-poeżija ta’ Mizzi, dejjem tipparteċipa f’forzi akbar minnha bla ma tifhimhom.

Dan it-trattament umanista ma jiċħadx it-teoloġija stabbilita iżda jindika li Alla jinstab f’taqbida, bi sforz, b’għażla bejn it-tajjeb u l-ħażin f’sitwazzjoni, u bl-involviment ta’ kuxjenza li taf tiddubbita. Alla ma jinstabx aktar f’duttrina lesta iżda f’duttrina li tinbena fil-prattika u b’dubju serju…