Il-poeżija ta’ Mizzi tiġbed l-attenzjoni mhux għax tagħti messaġġ iżda għax tpoġġina f’qagħda problematika (f’attitudni li ġġegħelna niddubitaw u nargumentaw magħna nfusna). Ħafna mill-poeżiji fil-ġabra jieħdu l-forma ta’ mistoqsija mhux għax għandhom sinjal ta’ mistoqsija fl-aħħar, iżda għax fil-mod kif jitqiegħed il-kliem, u fil-mod kif jingħata dubju flok ċertezza, il-poeżija tistieden xi forma ta’ tweġiba.
Hekk parti kbira mill-poeżija ta’ Mizzi tispiċċa tfittxija għal aktar, f’insigurezza, jew f’ambigwitá simbolika li tippermetti aktar minn interpretazzjoni dejqa. Kollox jindika poeta li japprezza u jrid jippreżenta umanitá fl-oriġinalitá dejjiema tagħha.
Il-qawwa ewlenija ta’ Mizzi tidher li tinsab fil-mod kif jirnexxilu jibdel sensiela ta’ simboli u immaġinazzjonijiet f’riflessjoni. Poeta serju, kemm fit-ton tal-kliem kif ukoll fl-għażla tat-temi, Mizzi kemm-il darba jippreżenta dehriet komuni jew fantastiċi, ġieli wkoll mitoloġiċi u leġġendarji, biex bihom jiskopri ħsieb serju jew traġiku.
Ħafna mill-poeżiji tiegħu huma dehriet li flok iġegħluna nużaw għajn immaġinattiva biex narawhom, iġegħluna nirriflettu. Il-qabża bejn is-sens viżiv u l-argument ta’ filosofija moħbija sseħħ bosta drabi matul il-ġabra u tagħti l-impressjoni li aħna, bħala qarrejja, nistgħu naraw il-mistoqisjijiet il-kbar ta’ ħajjitna jew il-qofol tal-eżistenza fil-ħwejjeġ ta’ madwarna.
Ħafna mill-poeżija moderna tistrieħ fuq ħwejjeġ iebsa, fuq l-immaġinazzjonijiet li ħdejn xulxin jistonaw u jitolbu mill-qarrej sforz biex jingħaqdu. B’dan il-mod il-poeta modern jipprova jaqbad id-dinja moderna tax-xjenza bierda u ta’ progress li jgħaġġel wisq biex isib postu fil-qalb u l-moralitá umani, u jikxef l-isforz innifsu biex dawn jitwaħħdu ma’ figuri klassiċi u tradizzjonali.
F’Achille Mizzi la wieħed isib it-twarrib tal-klassiku u lanqas iċ-ċaħda tad-dinja moderna. Minflok, il-poeta nsibuh proprju fil-mument fejn id-dinja moderna tibda dieħla f’dik klassika, fejn iż-żewġ dinjiet jitilfu xi ftit mill-oriġinalitá u l-istabbiltá rispettivi tagħhom, u fejn tibda titfaċċa dinja waħda magħmula mill-biċċiet li jifdal wara l-konfront. Għalhekk Mizzi mhux biss il-poeta tad-diżintegrazzjoni, iżda wkoll tal-integrazzjoni.