Charles Briffa – Taqtir is Skiet (In-Nazzjon Tagħna, 14 ta’ Ġunju, 1988)

Potenzjalitajiet Poetiċi Maltin

Il-materja prima ta’ poeżija hija l-lingwa: kliem li jesprimi tifsir, ideat, esperjenzi. Il-poeta, bħal kull bniedem ieħor, jaħseb fuq il-ħajja permezz tal-kliem. Bil-poeżija tiegħu nistgħu naqsmu l-esperjenzi tiegħu għaliex bl-organizzazzjoni poetika kapaċi nidħlu f’dinjiet sħaħ tal-immaġinazzjoni.

Imma jeħtieġ inżommu dejjem quddiem għajnejna li l-poeta mhux dejjem ivara t-tiġrib tiegħu b’lingwa razzjonali għaliex l-informazzjoni kognittiva, issistematizzata fl-użu komuni u mfittxija mill-bniedem loġiku, spiss tvarja mis-sinifikat li biċċa poetika tikkomunika lill-kritiku letterarju.

X’aktarx li hija l-irregolaritá fil-poeżija li tattira lill-kritiku sensittiv li jrid jesplora l-firxiet tat-tiġrib intern. Konklużjoni minnhom li tirriżulta hija r-realizzazzjoni li hemm realtá wkoll fl-irrazzjonali, ‘il hemm mit-titwila letterali tas-sens komun tal-ħajja.

Poeta bħal Achille Mizzi jħoss li jrid jilħaq din ir-realtá: irid jiżvija (għalkemm mhux wisq) minn xi kategoriji lingwistiċi u l-qarrej tiegħu kultant jidħol fi stat mistiku. Id-dinja pproġettata tal-immaġinazzjoni poetika teħtieġ l-interpretazzjoni tal-qarrej – interpretazzjoni li tiddependi fuq il-perċezzjoni individwali ta’ xi esperjenza letterarja anke jekk metaforika.

Minkejja dan l-element soġġettiv fl-interpretazzjoni, l-għarfien tal-implikazzjonijiet kuntestwali huwa bżonnjuż biex nifhmu aħjar il-poeżija.