Tarcisio Zarb – Poeżiji (L-Orizzont, 1 ta’ Frar, 1994)

Achille Mizzi huwa poeta, poeta.
Jinħass li l-poeżija tiegħu hija mgħixa u għalhekk riżultat ta’ impuls artistiku ġewwieni. Lingwa u immaġni li jintrabtu b’timbru oriġinali fil-kuntest letterarju.

Din id-daħla mhix cliche’ jew retorika min-naħa tiegħi. Hija esperjenza ta’ kritiku li kemm-il darba pprova jsib il-ġeografija simbolika ta’ dan il-poeta li għalih sintassi u lessiku, versi u immaġni, intwizzjonijiet u emozzjonijiet joħorġu f’sensiliet litaniċi ta’ immaġni li jappellaw għas-sensi kollha tagħna.

Il-poeżija ta’ Mizzi hija waħda mill-aħjar bijografiji intimi li għandna. Għalih din l-esperjenza tiegħu mal-muża hija esperjenza li twasslu biex jifhem il-ħajja, daqskemm il-mewt, il-bniedem għaddej fuq granellino di sabbia che gira e gira bħal qisu mingħajr destin veru u proprju fil-vojt tal-assolut, daqskemm jifhem lill-istess Alla, u l-vastitá fil-mikro-makro-kosmiċitá tiegħu.

Il-poeżija ta’ Mizzi għandha mill-ispluzjoni ta’ min jirnexxilu joħloq il-piroteknika tal-immaġnijiet tal-ħolm sub-kuxjenti tal-ħolm tagħha biex jippreżentahulna għall-gost tal-immaġni.

L-għażla tematika ta’ Mizzi hija għalqa li ttenni u ttenni b’enfasi, konsistenza u insistenza x-xewqat il-kbar tal-eżistenza. Imma x-xewqat tal-bniedem li jħossu eżiljat mill-istess Assolut li fih tnissel, mill-vastitákosmika li tikkostella fil-baħar immens tal-univers, fil-vjaġġi kontinwi tagħna tal-iljieli oskuri tar-ruħ, fil-mixjiet ‘l isfel fis-sellum evoluttiv lejn l-istorja fis-sens kollettiv kif ukoll lejn l-istess preistorja fl-istorja l-kbira ta’ l-umanitá.

Hemm namur kbir, mad-dinja ta l-arketip. Hemm xewqat kbar li akkost ta’ kollox iridu jingħexu. Jekk ma jingħexux hemm id-diżillużjoni. Il-poeżija hija madankollu mezz tajjeb ħafna biex jekk xejn jingħex dak il-waqt li permezz tiegħu wieħed iduq minn dawk ix-xewqat kbar. Il-poeta huwa konxju li huwa poeta. Anzi, huwa kburi li huwa poeta. Huwa mhux il-bniedem medjokri li jgħix programm imfassal ta’ rutina. Għall-kuntrarju huwa għandu s-saħħa li jgħix il-waqtiet il-kbar tal-esperjenza. L-istess lingwa timmetaforizza f’ilsienu. Ħsusu jiksbu d-dawl fl-istess immaġnijiet li bihom jesprimihom. Il-viżonijiet tiegħu jieħdu ħajja ġdida fl-istess sinestesija u tnissil metaforiku ieħor li joħroġ b’mod naturali mill-versi tiegħu.

Il-poeżija ta’ Mizzi b’dan il-mod issir il-poeżija tal-ħajja daqskemm tal-mewt, tal-primordjali daqskemm tal-bniedem modern. Tal-progress u tal-mixja ‘l quddiem daqskemm tar-rigress fit-tiflil tal-primordjali u s-sellum evoluttiv.

Hemm xewqat kbar f’dan il-moħħ ta’ poeta sensibbli daqs mija. Id-demm imexxi kollox. Il-pressjoni tixpruna u tmexxi lill-bniedem fl-azzjonijiet varji tiegħu. Hija dik il-qawwa enerġika li toħroġ u twassal għar-riproduzzjoni, il-ħajja, it-twelid u l-mewt u l-istess xewqat kbar tagħna li ningħaqdu mal-assolut.

Dawn ix-xewqat kbar tal-poeżija jeħduh f’kull direzzjoni. Huma vjaġġi li jeħduh lura lejn il-fetu fil-ġuf, daqskemm jeħduh lura lejn l-istess Alla, iwelled lil din l-istess dinja tagħna bl-univers kollu. Hemm in-niżla ‘l isfel tal-poeta li jbati bħal bebbuxu li joqgħod jirrakkma l-katidrali intrikati bi tbatija żonqrija biex b’hekk jesprimi lilu nnifsu sal-ibgħad rokna ta’ ħsusu u ħsibijietu. Il-poeta huwa l-għannej li jqis lilu nnifsu bħala l-ħallieq tal-istess vrusu li huwa joħloqhom biex jgħixu u jgħixu. Huwa l-istess poeta li jawtodefinixxi lilu nnifsu, mit-twelid daqskemm mill-mewt. Huwa jwelled kontinwament il-poeżija tiegħu mill-forġa taħraq tal-ispirazzjoni, li jgħaddi kemm jgħaddi żmien tibqa’ tħoss il-ħtieġa li twarrad poeżija.

Dan jagħmlu bil-lingwa tiegħu – il-lingwa li għandha mill-għeruq qodma ta’ din il-gżira Mediterranja, daqskemm għandha mill-għeruq aktar reċenti ta’ din l-istess gżira. Iżda r-riżultat ta’ dan kollu m’huwiex ħaġa oħra ħlief simbjożi ta’ kliem li juruna bħal f’mera lill-istess ruħ tagħna. Achille Mizzi huwa poeta li rnexxielu jesprimi lilu nnifsu mhux bl-elokwenza tar-retorika tal-kelma tad-diskorsi pubbliċi iżda bl-elokwenza tal-poeżija mgħixa fil-qiegħ nett tal-istess ruħu.

Daqskemm hija sabiħa din il-poeżija daqshekk ieħor tixhed ruħ li qed tbati. Fiha jiena nara bħal dawl qawwi li joħroġ mill-immaġnijiet ikkargati li bihom hija mimlija l-poeżija tiegħu. M’hijiex poeżija li taqraha darba, imma l-poeżija li trid tieqaf tifhem, tixtarrha, u ssib il-mument meta inti wkoll tħoss dawk ix-xewqat il-kbar.

Fi żmien meta d-dinja tal-medja tiffullalna ħajjitna b’għadd bla tarf ta’ immaġnijiet, fejn il-paroli sar ir-regola aktar milli ħaġa oħra, l-immaġnijiet ta’ Mizzi jistednuna biex nagħtu titwila lejn qigħan l-istorja tal-istess subkonxju konxju tagħna. Għall-poeta l-ħajja tidher f’dawl aktar b’saħħtu u sinifikanti u l-ħajja tikseb tifsira wisq aktar minn sempliċiment għajxien bla sens. Hawnhekk għandna ċ-ċans li nidħlu xi ftit f’din id-dinja li taf il-ħrafa, il-maġija letterarja, l-arketipaliżmu kollettiv, ir-reveries ta’ kull wieħed u waħda minnha, ix-xewqat tremendi li hemm ġo fina iżda li ħafna drabi nħalluhom rieqda u li għalhekk jibqgħu latenti.

Dan hu poeta li jagħni lil kull student u għalliem li jistudjah fil-baħar komparattiv tas-simboloġija tal-lingwa…