Oliver Friggieri – Il-Mixja Poetika ta’ Achille Mizzi (1963 -1989)

Il-fehma l-iżjed importanti fir-riflessjoni estetika ta’ Mizzi forsi hi dik li titkellem dwar l-eqdem aspett ta’l-arti kollha, is-simbolu, li issa hu mqabbel aktar u maħluq b’mekkaniżmu mentali anqas sielem u ordinat minn qabel, diżordni frott ta’ maturazzjoni…

…Kontra l-primat tar-retorika daħal il-primat tas-simboliżmu, kontra d-djalogu li jiddikjara daħlet ir-riflessjoni li tissuġġerixxi.

Paradossalment dan il-poeta li jrid jasal għal taħdita diretta mal-komunitá hu tip li jersaq ħafna lejn il-kunċett mistiku platoniku ta’l-estetika klassika. Hemm ħjiel ta’ divinitá naturali, sublimitá tal-arti u tisħiq fuq il-ħsieb tal-bixra magħzula u għolja tal-poeta bħala xi ħadd li għandu binja psikoloġika differenti, superjuri mill-bqija tal-bnedmin…

…Mizzi huwa fittiex tal-għeruq, tal-oriġni mbiegħda, tal-qagħdiet tal-bidu, tal-ewwel xrariet ta’ kuxjenza li ħakmu lill-bniedem vjaġġatur fuq l-art fiha nnifisha. Il-primordjalitá mhix biss qagħda tal-bidu; hija wkoll imsarrfa f’kuxjenza kontemporanja.

Is-sejba ta’ kull ma hu fundamentali u essenzjali, jew assolut u kategoriku, isseħħ jekk it-tiftixa ssir lilhinn minn dak kollu li lill-bniedem ibiddlu, kif fil-fatt ikollu jkun, f’vittma tal-kategoriji…

…Id-duwalitá, il-bixra li tieħu l-unitá, meta hi mistħarrġa, titreġġa’ lura lejn il-qofol tagħha: l-omm. Bħal Dun Karm, li f’bosta sensi Mizzi hu l-werriet xieraq tiegħu, Mizzi jilmaħ il-varjetá kotrana bħala wild jew riżultat. Kollox idur madwar il-kunċett tat-tnissil u tat-twellid. Spiritwalitá u senswalitá, ħajja u mewt, dawl u dlam, lemin u xellug, kuxjenza u sensi, eternitá u żmien, Alla u bniedem: dawn u oħrajn huma naħiet imbiegħda, il-polaritajiet ta’ essri wieħed. Il-ħarsa lejn it-truf estremi tal-essri tingħalaq u tieqaf fl-aħħar punt: l-omm jew il-maternitá …

…Mizzi huwa poeta li jistħarreġ lili nnifsu fid-deher, bla ma jaqa’ fil-konfessjonaliżmu li jħassar is-sens poetiku u jbiddel il-versi fi kronaka privata jew f’awtobijografija…

…F’damma ta’ metafori friski Mizzi jikteb il-lirika erotika l-aktar senswali u suġġestiva mingħajr ma jmiss ix-xifer tal-vulgaritá jew tal-erotiżmu rħis. Is-sesswalitá hi kantata minn Mizzi b’ħila immaġinattiva li tirrendiha sagra u sublimi. Il-maskili ma jaħkimx fuq il-feminili iżda jimplika d-dipendenza tiegħu fuq il-parti l-oħra. U l-fiżiku u l-poetiku jintisġu flimkien biex jidhru bħal varjanti ta’ realtá waħda…

…L-integritá u l-organiċitá li jidhru fil-viżjoni tal-poeta jinħassu wkoll fix-xejriet tekniċi tiegħu. Biżżejjed li wieħed jgħid li Mizzi jorqom kull kelma, jorganizza l-ħsejjes u jisħaq fuq id-densitá konsonantali li hi rifless ta’ espressjoni ta’ dinamika li hu jilmaħ fl-univers. Hu organiku anke fil-mod kif jorbot ix-xogħol ġdid tiegħu mat-tradizzjoni poetika…

…Ir-ritorn lejn l-epoka tal-ġuf, it-tneżżigħ tal-persunalitá preżenti mix-xejriet kulturali tal-maturitá tas-sekli (soċjali) u tal-etá (personali), it-tħassib bil-fażi bikrija tal-eżistenza: dawn u xejriet oħra jistgħu jinġabru f’tematika waħda – l-istħarriġ tal-preistorja ta’l-individwu u tar-razza…

…Fi ħdan din l-interpretazzjoni jidħlu motivi oħrajn li huma ċentrali fl-esperjenza ta’ Mizzi: l-innu tas-senswalitá u l-poeżija tas-setgħat passjonali; l-imġiba ta’ xeħta eżistenzjalista quddiem il-mewt ta’ ħaddieħor, meqjusa bħala ġrajja indifferenti u “loġika” “bħal kull ġrajja oħra; il-mewt bħala misteru universali, tan-nisel kollu; il-mewt li l-bniedem ma jafx x’inhi, ma jġarrabx persunalment…

…Il-ħemda u l-istorbju, il-kalma u d-dagħdigħa, il-ħedla u l-attivitá bla rażan: huma ż-żewġ xejriet li jeżistu flimkien u kontra xulxin biex isawru l-identitá paradossali tal-eremit li jirrifletti fuq il-qofol eżistenzjali u l-primittiv qalil li jirrealizza lilu nnifsu b’għajxien imqanqal…

…Komponent ewlieni tal-medda lessikali tipika ta’ Mizzi hu l-lingwaġġ li jindika l-infinit, l-indefinit, l-indirett u l-vag. Sehem kbir minn din il-ħażna ta’ kliem jidħol fi ħdan il-kategorija li tillustra l-kosmos, kbir u bla qies, qawwi mill-ġdid fil-ġrajja mifhuma drammatikament bħala moviment, ċaqliq f’saħħtu mingħajr għeja. Il-poeżija kosmika tixref kemm fl-ambjentazzjoni – tisħiq fuq l-inħawi tad-dinja vasta u tas-smewwiet fil-waqtiet attivi u vjolenti tagħhom u kemm fil-mod kif Mizzi jfisser dan l-istess ambjent b’aġġettivi li jissoktaw jisħqu direttament jew indirettament, fuq l-impressjoni ta’l-infinitá attiva…

…Il-vantaġġ tal-poeta jinsab qabelxejn, fil-ħila istintiva li jegħleb il-limitu taż-żmien u l-post. Il-lirika tiegħu mhix databbli, anzi taħrab minnufih, bħallikieku ffastidjata minn provokazzjoni, kull inkwadrazzjoni ta’ ambjent jew tensjoni storiku-kulturali. Fuq kollox Mizzi m’huwiex Malti, għad li qiegħed jikteb din il-paġna ta’ valur ewlieni fil-poeżija ta’ pajjiżu. Il-komponent lokali hu f’termini aristoteliċi, il-fundament storiku parikolari, li fuqu jibni, biex jaħbi l-fundament, it-torri għoli tat-tifsir kosmiku…

…Il-muftieħ xieraq għall-qari kritiku tal-lirika ta’ Mizzi, għalhekk hu l-għarfien tal-mudelli arketipiċi. L-ewwel mudell hu l-konfront bejn il-bniedem u l-eternitá, is-setgħa ġewwiena li hemm mitwielda fil-bniedem biex twebblu ma jintemmx. F’għadd ta’ sensi Mizzi hu l-werriet denn ta’ Dun Karm; il-versi tiegħu huma sottilment, sikwit, żviluppi maturi u kisbiet tipiċi tal-poeta nazzjonali. Il-klassiċitaċmiksuba romantikament minn Dun Karm hi hawnhekk imġedda u adattata għal qagħdiet u ambjenti poetiċi differenti. Il-mudell arketipiku msemmi hu l-qofol tematiku ta’ Dun Karm f’bosta waqtiet ewlenin tiegħu u naturalment l-aktar f’Il-Jien u Lil hinn Minnu’. F’Mizzi l-metafora tal-vjaġġatur hi maħruġa mill-ambjent tal-veġetazzjoni u mqiegħda fl-ambjent spazjali. Il-vjaġġatur raħli ta’ Dun Karm issa sar l-astronawta li, madankollu, il-programm ta’ tiftix tiegħu hu dak li qanqal lil kull Ulisse, ta’ Omeru, ta’ Joyce, ta’ Dun Karm, u ta’ Mizzi u ta’ kull spirtu ieħor li jagħraf ir-realtá bħala mistoqsija u mhux bħala tweġiba, u jqis li t-tiftixa f’termini Pascaljani, hi minnha nfisha sejba ta’ fidi: min qiegħed ifittex lil Alla sabu diġá. Anki f’Mizzi hemm il-poeżija tan-natura li mhix għajr il-makkinarju spiritwali li bih id-dinja tidher tispiċċa biex issir il-materja prima tar-ruħ li trid taħseb l-univers, jiġifieri tbiddel l-univers f’esperjenza psikoloġika…

…Ir-relazzjoni bejn Mizzi u l-kelma hi amoruża; il-”maħbub”  toffri l-alternattiva waħdanija għall-bqija ta’l-unviers, sakemm mill-kelma miksuba l-poeta jislet is-sens kollu tal-vjaġġ “lingwistiku” tat-tiftix ta’ xi ħaġa li mhix, fis-sewwa lingwistika. Għal Mizzi l-kelma poetika tqarreb lejn l-iskultura, lejn it-tibdil ta’l-espressjoni ċatta fuq il-karta f’rappreżentazzjoni multidimensjonali, sakemm twassal lejn l-immaġinazzjoni, il-ħolqien ta’ immaġni jew xbieha. Dan il-valur hu kollu qadim fil-ġrajja persunali ta’ Mizzi, għaliex imur lura sas-snin sittin meta l-isfida meħtieġa tat-tiġdid kienet imżewġa mal-prinċipju li dan it-tiġdid irid jibqa’ jistrieħ fuq l-għarfien sħiħ tal-potenzjalitajiet mhux magħrufa ta’l-ilsien Malti…

…L-iskultorjetá tal-kelma (ta’ Mizzi) tistrieħ għallinqas fuq żewġ kwalitajiet: l-evokazzjoni tal-oġġetti, u l-ħolqien ta’ sitwazzjonijiet teatrali jew drammatiċi. Anke dawn ix-xejriet li, f’kuntest ieħor, dehru sewwa f‘Il-Kantiku tad-Demm. Il-poeżija “astratta”  m’hi astratta xejn għaliex hi ffullata bl-affarijiet. L-iskop mhux li tingħaraf fihom id-diqa virgiljana, il-verita miġbura fil-frażi famuża “Sunt Lacrymae Rerum (Aeneides, I, 452) …L-iskop hu li tingħaraf l-attivitá, l-isplussivitá, il-ħajja nnifisha f’kuntrast mal-mewt, l-anti-drama…

…Il-qofol hu anke f’Mizzi reliġjuż. Il-qoxra hi xjentifka għax hi fidila lejn il-kundizzjoni taż-żmien, l-ispunt tal-bidu. Iżda s-sustanza hi metafiżika, immexxija minn interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-veritá ppruvata…

…Għal darba oħra Mizzi jseddaq il-karattru reliġjuż tal-poeżija tat-tieni nofs tas-seklu għoxrin f’Malta. Jekk hi maqtugħa mix-xniexel kulturali li jixxebilku mal-kontenut teoloġiku tal-kitba ta’ qabel, dan mhux għajr rifless tal-komponenti sekondarji li għandhom sehemhom ukoll, skond iż-żmien fit-tiswir tal-poeżija. Biż-żmien u fuq is-sies taż-żmien iseħħ il-pass lilhinn u kontra ż-żmien; hekk ukoll fil-konfront tad-dimensjoni tal-ispazju. Il-konklużjoni hi li ma tbiddel xejn, fil-poeżija Maltija, ħlief fl-aċċessorji sekondarji…

…Iż-żamma ta’ din il-kwalitá superjuri m’hi xejn imbiegħda minn kull ma ntqal sa issa dwar il-klassiċiżmu ta’ Mizzi. Hi pożizzjoni li diversi protagonisti tal-poeżija Ewropea ta’ dan is-seklu baqgħu jemmnu fiha, minkejja t-tibdil radikali li għaddiet minnu għallinqas mis-Surrealiżmu u minn Freud ‘l hawn. F’dan il-kuntest din il-kwalitá tolqotna l-aktar bħala parti mir-reliġjożitá sħiħa li fi ħdanha tikber ir-reliġjożitá ta’ Mizzi daqskemm tal-kurrent ewlieni tal-poeżija Maltija llum, imqar jekk f’ħadd daqs f’Mizzi m’hu mneħħi kull ħjiel ta’ adattament jew modifika. Mela anke f’dan id-dawl, Mizzi jieħu sehem f’dil-kuxjenza reliġjuża – aktarx imsieħba l-aktar mal-poeta klassiku ewlieni tas-seklu għoxrin fl-Ewropa, T.S. Eliot, fidil lejn il-viżjoni danteska – li ma tarax poeżija jekk mhux fil-ħamrija tal-interpretazzjoni metafiżika, teoloġika ta’l-essri…

…Mizzi jipproponi poeżija li tisfida l-limitazzjonijiet tal-kronaka u tal-attwalitá, saħħarija fihom infushom bħala tradiment tas-sustanza poetika li m’għandhiex tiddakkar minn kull ma hu aċċidentali. Il-kelma importanti li qiegħed ilissen Mizzi b’konsistenza fil-kwadru żgħir tal-lehma Maltija hi, paradossalment, usa’ minnu. Il-modernitá tiegħu hi ċ-ċaħda tal-modernitá…

…L-unitá tematika u formali, l-insistenza konvinta fuq ċertu livell li lil hinn minnu fl-espressjoni ma tmurx u l-isfel minnu ma tinżilx, il-konċentrazzjoni fuq id-damma tal-mudelli arketipiċi msemmija u ta’ oħrajn: dawn u xejriet oħra huma lkoll xhieda ta’ klassiċitá li trid tafferma ruħha bi sfida mal-ambjent kuntrarju, evokazzjoni sottili tal-identitá awtentika tar-reġjun mediterranju, prova li l-ispirazzjoni anke kontemporanja, hi “l-għarfien bi tbatija żonqrija/tul miljuni ta’ snin” tal-assolut taħt il-qoxra tar-relattiv, tal-infinit taħt id-deħra tal-finit, tal-veritá (intwita) taħt ir-realtá (raġunata) tal-poeżija li trid tkun skavata minn taħt it-terrapien tal-esperjenza…